Ninsabu xxukkjati bl-ammissjoni ta’ Robert Abela il-bieraħ filgħodu li f’dawn il-jiem hu tkellem ma’ Maġistrat dwar kif jingħataw is-sentenzi mill-Qrati. Il-prassi, is-sens ta’ prudenza u l-Kodiċi ta’ Etika tal-ġudikatura jiddettaw li l-eżekuttiv ma jikkomunikax ma’ membri tal-ġudikatura fil-privat, iżda esklussivament mal-prim imħallef u b’mod strettament uffiċjali.
L-aġir ta’ Robert Abela hu perikoluż għaliex jikser il-prinċipji tad-demokrazija u tas-separazzjoni tal-poteri tal-Istat.
Il-fatt illi l-prim ministru ħassu komdu jammetti dan l-abbuż b’mod daqstant leġġer juri kemm ma jħaddanx, anzi jżeblaħ, il-prinċipji bażiċi ta’ etika fil-ħajja pubblika u tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet pubbliċi.
Dan jikkostitwixxi abbuż gravi fih innifsu u fl-istess waqt iqajjem suspetti kbar dwar għemil ieħor li Robert Abela u sħabu jagħmlu biex jindaħlu fl-operat tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Kull jum li jgħaddi qed naraw lill-Gvern jimmina u jnaqqar minn dak li fadlilna mid-demokrazija tagħna.
Fid-dawl tal-gravita’ ta’ dan l-abbuż li sar b’ammissjoni tal-prim ministru stess, Repubblika ser tikteb lill-President tar-Repubblika bħala l-garanti tal-Kostituzzjoni.
30 ta’ Jannar 2023
Il-President ta’ Malta
Il-Palazz
Il-Belt Valletta
Sur President,
APPELL BIEX TIPPROTEĠI L-KOSTITUZZJONI
Naħsbu li bħalna int ixxukkjat bil-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela f’diskors pubbliku lbieraħ:
“Dil-ġimgħa kelli okkażjoni li nitkellem ma’ maġistrat li qalti: ‘Vera. Il-qafas ta’ liġijiet preżenti jippermettilna li nistgħu nagħtu pieni baxxi jew pieni għoljin għal reat partikolari, imma r-realtà turina li meta nagħtu piena għolja, avolja l-liġi tippermettielna li nagħtu piena għolja, imbagħad jappellawlek, imorru quddiem il-qorti tal-appell u ċ-ċansijiet huma li l-qorti tal-appell tnaqqaslek il-piena għalhiex hemm policies jew hemm sentenzi passati illi jimmilitaw li l-piena ma tkunx daqshekk għolja.”
Dan il-kumment jikkonferma li l-prim ministru kellu konversazzjoni jew konversazzjonijiet ma’ membru jew membri tal-ġudikatura fil-magħluq li fihom iddiskuta deċiżjonijiet ġudizzjarji f’każi kriminali.
Il-Kodiċi tal-Etika tal-Imħallfin u l-Maġistrati jgħid li membri tal-ġudikatura:
“shall not however communicate in private with members of the Executive on any matter connected with their duties or functions except through or after express consultation with the Senior Magistrate and/or with the Chief Justice.”
Il-prinċipji ta’ Kondotta Ġudizzjarja ta’ Bangalore li jiggwidaw it-tagħlim dwar l-etika ġudizzjarja jgħidu li l-indipendenza tal-ġudikatura mill-istituzzjonijiet l-oħra – partikolarment il-gvern – hi essenzjali għall-indipendenza tal-ġudikatura:
“Although there must of necessity be some institutional relations between the judiciary and the executive, such relations must not interfere with the judiciary’s liberty in adjudicating individual disputes and in upholding the law and values of the constitution.”
Nagħmlu dan l-argument mhux biss għax dan kien ksur tar-regoli tal-etika li jorbtu lill-Maġistrat li rrefera għaliha l-prim ministru.
Dawn il-kodiċi t’etika qegħdin hemm għax irid ikun hemm regoli ta’ mġieba li l-effett tagħhom ikun li l-ġudikanti ma jsofrux l-indħil tal-gvern u min jidher quddiemhom ikun jaf li mhux qed jiġġudikah xi politiku imma qed jiġġudikah xi ħadd li jiggwidawh biss il-liġi, il-provi, u l-kuxjenza.
Allura nagħmlu dan l-argument ukoll għax hu ċar li l-prim ministru kemm meta tkellem privatament ma’ Maġistrat dwar is-sentenzi tagħha u ta’ sħabha u kemm meta kellu l-ardi jitkellem fuq dik it-taħdita b’mod pubbliku qisu m’hemm xejn ħażin li l-gvern jindaħal hekk lill-ġudikatura, wettaq oltraġġ gravi fuq l-indipendenza tal-ġudikatura.
Ma nistgħux ma naħsbux li jekk il-prim ministru, bl-ammissjoni tiegħu, kellu din it-taħdita, ikollu u jkollu oħrajn, aktarx biex jiddiskuti inkjesti jew proċessi ġudizzjarju li l-eżitu tagħhom jolqtuh personalment u politikament.
Lanqas ma nistgħu nittolleraw ċirkostanza fejn bid-diskors pubbliku tiegħu, il-prim ministru jinnormalizza dan l-indħil qisu mhemm xejn ħażin li l-kap tal-gvern jinterroga maġistrat fuq kif qata’ sentenzi ta’ natura kriminali.
Din mhix demokrazija.
Is-separazzjoni bejn il-poteri hi meħtieġa. Diġà għandna min jgħid li l-Parlament m’għandux ikun indipendenti mill-gvern. Imma issa għandna prim ministru li qed apertament jgħid li l-ġudikanti, flok jiddeċiedu kif tgħid il-liġi u skont il-kuxjenza tagħhom, għandhom jaqtgħu is-sentenzi skont kif jgħidilhom hu f’konversazzjonijiet wara bibien magħluqa. Allura għax ma nħallux f’idejn Robert Abela biex is-sentenzi kriminali jibda jaqtagħhom hu?
Fuq kollox jekk il-liġijiet dwar pieni kriminali ma jogħġbux lill-Prim Ministru, jista’ x’ħin irid imur il-Parlament u jipproponi tibdil fil-liġi. Dak hu l-mod trasparenti kif jassumi r-responsabbiltà tal-fehmiet tiegħu li kieku din kienet veru demokrazija Parlamentari. Robert Abela jista’ u jmessu wkoll jindirizza dawk l-aspetti fir-responsabbiltà diretta tiegħu li qed jikkontribwixxu għaż-żieda fl-illegalità u l-kriminalità, korp tal-pulizija demoralizzat wara snin ta’ ħtif mill-interessi korrotti u servizz tal-prosekuzzjoni spiss inkompetenti jekk mhux kompliċi.
Meta fergħa istituzzjonali toprimi l-indipendenza ta’ fergħa oħra, imiss lilek bħala President li apertament u b’mod determinat tesprimi ruħek biex tiddefendi dak li għad baqa’ mill-Kostituzzjoni.
Jekk tibqa’ sieket, tkun qed tgħin lill-prim ministru jkompli jgħaffeġ b’għemilu u bi kliemu l-indipendenza tal-ġudikatura u jkompli jaħtaf il-poter li l-Kostituzzjoni ma trid ebda gvern ikollu.
Dejjem tiegħek,

Robert Aquilina
President