Repubblika tikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li jnaqqas il-fondi lill-Kummissarju għall-Istandards.

F’dan il-budget il-Gvern naqqas il-fondi lil dan l-uffiċċju li jaħdem biex il-Gvern jimxi sewwa b’aktar minn 40% minn dak li kellu s-sena l-oħra iżda saħansitra issa se jirċievi anqas minn dak li attwalment uża fl-2021.

Ma nistgħux nemmnu li l-Gvern jgħid li jrid imġieba korretta u etika. Il-fatti jgiddbuh.

Waqt li qata’ l-flus lil min jaħdem għas-sewwa, il-Gvern żied 10 miljuni lill-kuntratt korrott tal-Vitals u issa tela’ għal 80 miljun.

Fil-budget il-Gvern qal li se jonfoq 70 elf ewro biex jagħmel strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Irid itemma’ r-ross bil-labra. Dan huwa anqas milli l-Gvern stess ivvota biex jagħmel eżerċizzju ta’ mystery shopping!

Aħna ma nimpressjonawx ruħna bit-tlellix, bil-bagalji ħomor u bil-pożi.

Neżiġu azzjoni konkreta mill-gvern kontra l-abbuż. Minflok qed naraw azzjonijiet tal-gvern li jimminaw il-kontabilita’.