Waqt li l-poplu kien mhedi bil-Milied, il-Gvern ressaq liġi biex inaqqar id-demokrazija u jkompli jirredikola ‘l-Parlament.
Repubblika tirreferi għall-abbozz ta’ liġi biex il-Gvern jieħu l-poter li jaħtar lil min irid bħala l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din il-liġi tnaqqar id-demokrazija Maltija, tnaqqas it-trasparenza fil-gvern, tkompli tgħaffeġ l-awtonomija tal-Parlament, u xxejjen għal kollox l-awtorità morali u prattika tal-Kummissarju għall-Istandards.
Jidher li issa l-Gvern se jibda jdur għall-ftit uffiċjali li jirrapportaw lill-Parlament għax dawn xogħolhom hu li jgħassu fuq l-imġieba ta’ nies fil-ħajja pubblika, partikolarment uffiċjali tal-Gvern.
Il-Gvern qed jgħid li qed idaħħal “mekkaniżmu” biex jiżblokka sitwazzjonijiet fejn il-Gvern u l-oppożizzjoni ma jaqblux fuq l-għażla. Iżda din il-liġi tagħti l-poter lill-Gvern jinnomina persuni qrib tiegħu biex iġiegħel lill-Oppożizzjoni toġġezzjona biss sakemm il-gvern waħdu jaħtar lil min jaqbillu.
Din il-liġi tagħmel uffiċċju importanti għall-governanza tajba ta’ Malta f’puppazz ieħor tal-Gvern fejn jitqabbdu “persons of trust” biex jagħmlu dak li jaqbel lill-partit u biex igħattu l-ħmieġ.