F’Jum il-Ħaddiem insellmu ‘l-memorja ta’ Jean Paul Sofia, ta’ Daphne Caruana Galizia, u tal-ħaddiema kollha li tilfu ħajjithom minħabba xogħolhom u minħabba n-negliġenza ta’ min kien responsabbli li jipproteġihom.
Intennu l-appell biex tinfetaħ inkjesta pubblika fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia biex pajjiżna jitgħallem il-lezzjonijiet dwar x’ġara dak inhar, biex issir ġustizzja miegħu u mal-familja tiegħu, u biex kull min kellu xi responsabbiltà jew ħtija jħallas t’għemilu.
Intennu l-appell biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kienet inġustizzja meta nqatlet li għaliha l-inkjesta sabet li hu responsabbli l-istat. Hi inġustizzja ġdida li l-istat jirrifjuta li jitgħallem minn dak li għamel ħażin u li jibqa’ jipproteġi lil min hu responsabbli biex qatt ma jħallas t’għemilu.
Il-ħaddiema għandhom dritt għal kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u li jkunu kkumpensati b’mod xieraq għal dak li jagħmlu. Iżda aktar fundamentali minn hekk hu li l-ħaddiema għandhom dritt għal ħajjithom u ħadd m’għandu jħalli ħajtu għal xogħolu.