Hawn taħt, tistgħu ssibu l-protest ġudizzjarju kif ukoll xi ritratti tal-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt il-Konferenza Stampa li saret illum fid-09:00 quddiem l-Entratura Principali tal-Qorti, il-Belt, it-2 ta’ Gunju, 2022.
Fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili
Repubblika
vs
L-On Prim Ministru u
l-On Ministru għall-Intern, is-Sigurtà,
ir-Riformi u l-Ugwaljanza
Protest Ġudizzjarju ta’ Repubblika, organizzazzjoni volontarja bin-numru ta’ reġistrazzjoni VO 1670;
Tesponi bir-rispett:
1. Illi sar magħruf permezz ta’ rapport fit-Times of Malta tas-26 ta’ Mejju 2022 li ċertu Jason Farrugia tressaq il-qorti mill-pulizija akkużat b’reati ta’ ħasil ta’ flus in konnessjoni mal-impjieg tiegħu fl-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob;
2. Illi sar magħruf permezz ta’ rapport fit-Times of Malta tas-27 ta’ Mejju 2022 li ċertu Iosif Galea kien imfittex mill-Pulizija minħabba li allegatament kellu rwol f’reati relatati ma’ dawk li kien akkużat bihom Jason Farrugia u li biex il-Pulizija tkun tista’ taġixxi kien inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew kontra Iosif Galea;
3. Illi sar magħruf permezz ta’ rapport fit-Times of Malta tad-29 ta’ Mejju 2022 illi waqt li kien għal btala fl-Italja fil-kumpanija tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, Iosif Galea kien qed jinżamm arrestat mill-awtoritajiet Taljani fuq il-bażi ta’ Mandat t’Arrest Ewropew maħruġ kontrih mill-awtoritajiet tal-Ġermanja kmieni s-sena li għaddiet. Sar magħruf ukoll li minkejja dan il-mandat t’arrest, Iosif Galea tħalla jsiefer minn Malta kemm f’din l-aħħar okkażjoni fejn ġie arrestat u anke f’okkażjonijiet preċedenti minn u lejn Malta bla xkiel ta’ xejn;
4. Illi minħabba li Malta hi membru tal-Unjoni Ewropea hu ferm raġjonevoli wieħed jippreżumi li l-Mandat t’Arrest Ewropew maħruġ kontra Iosif Galea mill-awtoritajiet Ġermaniżi kien komunikat lill-awtoritajiet Maltin kif hekk tiddisponi d-decizjoni kwadru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (2002/584/JHA);
5. Illi r-rapporti kollha tat-Times of Malta ċitati hawn fuq jikkwotaw sorsi fil-Pulizija li jindikaw li l-Pulizija Maltija kienet taf li Iosif Galea kien imfittex mill-pulizija Ġermaniża kif ukoll li minkejja li kien imfittex, il-Pulizija ta’ Malta ma kienet qed tagħmel xejn meta kienet taf li Iosif Galea kien qed jivjaġġa minn jew lejn Malta liberament qisu xejn m’hu xejn;
6. Illi l-protestanta taf li Iosif Galea ghandu r-residenza privata tieghu biswit l-Ghassa tal-Pulizija fis-Siggiewi u allura ghandha ghal xhiex temmen li l-Pulizija Maltija altru li kienet taf bil-movimenti tieghu fl-ahhar xhur meta kien hemm il-mandat t’arrest Ewropew mahrug kontrih;
7. Illi fit-30 ta’ Mejju 2022 il-protestat Ministru tal-Intern, l-On. Byron Camilleri kien ikkwotat jgħid lill-Kamra tad-Deputati f’Malta li l-Kummissarju tal-Pulizija kien informah li kienet qed issir investigazzjoni interna dwar il-każ;
8. Illi sar magħruf permezz ta’ rapport fit-Times of Malta tal-1 ta’ Ġunju 2022 li l-investigazzjoni fil-fatt kienet qed issir mill-“Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija” (minn hawn “il-Bord”) li fil-preżent hu kkappeġġat mill-Onor. ex Imħallef Franco Depasquale u li jinkludi lis-sinjuri Michael Cassar, Reuben Lanfranco u s-Sur John Spiteri bħala Segretarju. Dawn inħatru fit-18 ta’ Diċembru 2020 u ai termini tal-Att dwar il-Pulizija (Kap. 164) għandhom fil-ħatra mill-anqas sal-31 ta’ Diċembru 2024;
9. Illi hu minnu li l-Bord għandu l-funzjoni “li jinvestiga u jirraporta malajr kull materja li tirrigwarda l-aġir tal-Korp” (Art. 36 (1) (a)), iżda hu minnu wkoll li l-liġi ma tippermettix, anzi tipprojbixxi lill-Bord milli “qatt jispezzjona jew jitlob il-produzzjoni ta’ xi dokument eżentat skont artikolu 637 (3) sa (6), iż-żewġ subartikoli inklużi, tal-Kodiċi ta’ Organizazzjoni u Proċedura Ċivili u lanqas ma għandu jeħtieġ ebda uffiċjal tal-pulizija li jagħti kull informazzjoni li tinsab f’xi dokument bħal dan.” (Art. 36 (4));
10. Din il-projbizzjoni tillimita l-għarfien tal-fatti li jista’ jkollu l-Bord għal dak biss li l-Gvern m’għandux id-dritt li jirrifjuta li jwieġeb għal domandi li jsirulu taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u allura l-Bord ma jkunx jista’ jara dokumentazzjoni essenzjali biex jiġu stabbiliti l-fatti dwar dan il-każ;
11. Il-Bord per eżempju ma jkun jista’ qatt jispezzjona xi dokument li l-iżvelar tiegħu “jista’ raġonevolment ikun mistenni li jikkaġuna ħsara (…lir-)relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.” (Kap. 496, Art. 29 (1) (a)). Dan meta fil-każ odjern teżisti l-allegazzjoni li l-Pulizija ta’ Malta aġixxiet b’mod li jimmina l-interessi tal-Ġermanja u tal-awtoritajiet fiskali u tal-infurzar tal-liġi ta’ dak il-pajjiż u li kwalunkwe prova li tista’ tikkonferma tali allegazzjoni tkun kawża possibbli ta’ ħsara fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġermanja;
12. Il-Bord lanqas ma jkun jista’ qatt jispezzjona xi dokument li l-iżvelar tiegħu “jikxef xi informazzjoni jew materja komunikata b’konfidenzjalità minn … awtorità ta’ gvern barrani.” (Art. 29 (1) (b)). Dan ikun ifisser li l-Bord lanqas ikun jista’ jara d-dokumentazzjoni tal-mandat t’arrest maħruġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi li hu fil-qalba tal-kwistjoni preżenti;
13. Il-Bord ma jkun jista’ qatt lanqas jispezzjona xi dokument li l-iżvelar tiegħu “jista’ raġonevolment ikun mistenni li jippreġudika t-tmexxija ta’ investigazzjoni ta’ ksur, jew possibiltà ta’ ksur tal-liġi,” li hi xi ħaġa li hu għal kollox mistenni li l-persuna suġġetta għall-mandat t’arrest in kwistjoni aktarx tallega fl-interess tagħha;
14. B’dawn il-limitazzjonijiet se jkun impossibbli li b’xi mod il-Bord jistabilixxi l-fatti kollha u jiddetermina x’rakkomandazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ dawk il-fatti inkluża azzjoni kriminali possibbli;
15. L-interess pubbliku jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-fatti kollha minħabba li l-mod selettiv, gradwali, u tardiv li bih ġew komunikati lill-pubbliku truf t’informazzjoni joħolqu u jsaħħu s-suspett li f’dan il-każ il-Pulizija Maltija aġixxiet biex tipproteġi ‘l persuna suspettata li allegatament wettqet reati kriminali gravi minflok tieħu l-azzjoni fil-konfront tiegħu skont il-liġi;
16. Iċ-ċirkostanzi tal-kumpanija li żamm is-Sur Iosif Galea fil-waqt li kien arrestat mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri l-eks-prim ministru Joseph Muscat, tqajjem is-suspett li Iosif Galea kien sal-ħin tal-arrest tiegħu kien qed igawdi jew jippretendi li jgawdi xi dritt għall-impunità minħabba l-ħbiberija u l-konnessjonijiet tiegħu;
17. Iosif Galea ilu msemmi in konnessjoni ma’ allegati reati allegatament imwettqa f’kompliċità ma’ persuni ta’ qawwa politika maġġuri għal ħafna snin inkluż in konnessjoni mal-allegata korruzzjoni tal-allura Kummissarju tal-Unjoni Ewropea John Dalli fejn xhud importanti għall-prosekuzzjoni possibbli kontra John Dalli u kontra oħrajn fil-każ, qalet li kienet mhedda minn xi ħadd li kien indikat li kien hadd hlief is-Sur Iosif Galea;
18. Minkejja li l-Pulizija permezz tal-allura Spettur Angelo Gafà taht id-direzzjoni tal-allura Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kienet f’Diċembru 2012 ħadet id-deċiżjoni li tħarrek lis-Sur John Dalli u takkużah b’korruzjoni, ftit xhur wara fl-2013 Joseph Muscat pubblikament irriabilita lis-Sur Dalli u ħatru konsulent tal-Gvern Malti tant li d-deċiżjoni tal-Pulizija li ttieħdet f’Diċembru 2012 ma ġietx eżegwita qabel l-2021;
19. Kemm l-allegazzjonijiet in konnessjoni mal-allegata korruzzjoni ta’ John Dalli kif ukoll il-każ li dwaru l-Pulizija Maltija qalet li ħarġet mandat t’arrest tas-Sur Galea kienu jikkonċernaw l-impjieg tiegħu bħala uffiċjali pubbliku jew il-konnessjonijiet li żżamm mal-uffiċċju regolatarju fejn kien jaħdem, u li dan il-fatt iżid il-bżonn ta’ trasparenza u kontabilità lill-pubbliku li għandu d-dritt ikun infurmat x’azzjoni qed tittieħed fil-konfront ta’ uffiċjali fdati mill-pubbliku biex jaħdmu f’ismu li iżda jużaw dik il-fiduċja b’mod korrott u/jew kriminali;
20. Hu fatt li kien espliċitement dokumentat fl-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia li sabet li deċiżjonijiet ta’ Joseph Muscat meta kien Prim Ministru “saħħew il-kultura ta’ impunità li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ intriċċi bejn amministraturi u politiċi u negozjanti kbar … impunità li straħu fuqha l-elementi ta’ kriminalità organizzata.” (paġna 413).
21. L-istess Inkjesta wkoll ikkummentat dwar “l-inattività tal-Kummissarju u ta’ xi uffiċjali għolja tal-Pulizija li jaqdu dmirhom qabel xejn billi jinvestigaw (…) allegazzjonijiet … kontra esponenti għolja fl-amministrazzjoni u negozjanti kbar.” (paġna 403);
22. F’dawn iċ-ċirkostanzi hu ċar li l-pubbliku għandu d-dritt ikun assigurat li l-Pulizija ta’ Malta m’għadhiex taġixxi kif inhu dokumentat li aġixxiet fil-passat, jiġifieri meta deliberatement ghalqet għajnejha għar-reati (inkluz tixhim u hasil ta’ flus) li tkun taf li twettqu mill-ħbieb ta’ l-ex Prim Ministru Joseph Muscat f’ezercizzju disgustanti ta’ kolluzjoni korrotta bejn crieki okkulti tal-poter;
23. Biex dan isir trid issir Inkjesta li mhux biss tkun indipendenti u tidher li tkun indipendenti, iżda li jkollha wkoll il-poter effettiv li taċċedi, tispezzjona, u tivverifika l-fatti kollha inkluż dokumentazzjoni li dawk allegatament involuti f’aġir ħażin, amministrazzjoni ħażina, jew agħar minhekk, ikunu jippreferu li l-Inkjesta ma jkollhiex aċċess għaliha/ghalihom;
24. Il-protestanta ghandha ghal xhiex temmen fil-mala fede tal-protestati meta thabbar fil-Kamra tad-Deputati t-twaqqif ta’ investigazzjoni interna, kif intqal hawn fuq, minflok it-twaqqif mill-protestati ta’ Inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273), li fl-artiklu 3 tieghu jghid hekk:
“Dan l-Att għandu japplika għal kull Bord maħtur jew awtorizzat b’xi liġi, jew taħtha, magħdud dan l-Att, biex imexxi inkjesta jew inkjesti dwar xi ħaġa minn dan li ġej:
(a) l-imġieba ta’ uffiċjali pubbliċi, jew ta’ uffiċjali jew impjegati ta’ korp imwaqqaf b’liġi, jew ta’ kull wieħed jew iżjed minn dawk l-uffiċjali pubbliċi jew uffiċjalijew impjegati;
(b) l-imġieba u t-tmexxija ta’ kull dipartiment tal-Gvernjew ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi;
(ċ) kull ħaġa li taqa’ taħt il-funzjonijiet jew ir-responsabbiltà ta’ xi dipartiment jew korp bħal dawk,jew xort’oħra li għandha x’taqsam ma’ jew tolqot servizz tal-Gvern”
L-artiklu 4(1) tal-Att dwar l-Inkjesti imbaghad ikompli jistipula li:
“Bord jista’ jiġi maħtur skont dan l-Att jew mill-Prim Ministru għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-artikolu 3, jew minn Ministru għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-artikolu3 (b) u (ċ) safejn il-kwistjoni tal-inkjesta tkun tikkonċerna jew tolqot dipartiment jew korp imwaqqaf b’liġi jew servizz li għalih ikun responsabbli jew li dwaru jkollu setgħat skont xi leġislazzjoni”
Huwa car ghalhekk ghall-protestanta u ghal kulmin irid tassew ir-ricerka tal-verita minghajr biza’ jew favur, u ghal kulmin mhux imxekkel b’kompromessi okkulti u skifuzi u perikoluzi, li t-triq li kellhom jiehdu l-protestati kellha tkun it-twaqqif ta’ Inkjesta tassew indipendenti u pubblika a tenur tal-Att dwar l-Inkjesti biex verament tohrog il-verita shiha dwar dawn il-fatti li komplew jikkonfermaw kemm it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u tal-protestati ghandhom il-faham miblul. Fatti li kienu maghrufin grazzi biss ghall-media indipendenti. Fatti li wrew kif ghad hemm riga ghac-cittadini izda riga differenti ghal dawk fl-orbita tac-centri okkulti tal-poter.
Ghall-protestanta huwa minn ewl id-dinja li l-fatti kif elenkati hawn fuq jindikaw li l-protestati jridu jahbu l-fatti veri. U jahbi min ghandu x’jahbi.
Din il-fehma tal-protestanta hija msahha bl-artiklu 6(1) tal-Kap.273 li jistipula:
“6.(1) Kull Bord li għalih japplika dan l-Att ikollu s-setgħa li tiġi eżerċitata permezz taċ-chairman jew tal-viċi-chairman tiegħu, skont il-każ jew mill-persuna li tikkostitwixxi l-Bord:-
(a) li jsejjaħ xhieda;
(b) li jagħti l-ġurament lil kull xhud u lil kull persuna li jkollhom x’jaqsmu fl-inkjesta, u li jeħtieġuhom li jixhdu u jipproduċu dokumenti li jkunu fil-pussess tagħhom jew taħt il-kustodja tagħhom f’dawk iċ-ċirkostanzi kif quddiem qorti jkunu meħtieġa li jixhdu jew jipproduċu dokumenti.”
Huwa dan l-artiklu tal-ligi li jaghti s-setgha lill-Inkjesta imwaqqfa taht il-Kap.273 (u li ma jinsabx fl-Att dwar il-Pulizija li tahtu hemm imwaqqaf il-“Bord Indipendenti dwar l-ilmenti tal-Pulizija”) li taghmel dak kollu possibbli biex hadd ma jilghabha tal-ibleh biex ma jhallasx dwana, biex hadd ma jahbi minnha dokumenti essenzjali, inkluz komunikazzjonijiet elettronici li jkunu inkriminanti jew inaccettabbli,u biex hadd ma jistkenn wara l-hajt tal-impunita.
Il-fatt biss u wahdu li r-rapport tal-hekk imsejha Inkjesta imwaqqfa mill-protestat Ministru tal-Intern fuq fatti hekk gravi ma hemm ebda obbligu li jkun ippubblikat, u li meta jitlesta jintbaghat kunfidenjzalment u biss lill-Avukat Generali u l-istess Kummissarju tal-Pulizija (!!) jekk ikun hemm lok ta’ passi kriminali (dan meta l-istess Avukat Generali u Kummissarju tal-Pulizija ilhom iktar minn 14-il xahar biex iressqu numru ta’ nies ‘l Qorti wara l-gheluq tal-Inkjesta Magisterjali dwar il-Pilatus Bank kif gie ordnat lillhom mill-Magistrat Inkwirenti) juri lill-protestanta kemm l-intenzjoni tal-protestati hija biex jostru l-verita halli jserrhu mohh il-kriminali mill-impunita li qeghdin igawdu.
Ir-raguni ma tridx forza. Huwa car ghal kulmin m’ghandux ghamad m’ghajnejh jew mhux imliggem b’intenzjonijiet li jostor il-verita jew li jfixkel ir-ricerka ghall-verita, li Inkjesta imwaqqaf taht il-Kap.273 tal-Ligijiet ta’ Malta ghandha l-veri salvagwardji ta’ trasparenza, indipendenza, kontabilita u pubblicita.
Inkjesta imwaqqfa taht il-Kap.273 biss tista’ titfa dawl fuq l-ipotezi palesi li l-mottiv ghall-fatt li l-Pulizija Maltija talbet il-hrug tal-mandat ta’ arrest Ewropew kontra Iosif Galea sena wara dak li inhareg mill-Germanja kien semplicement biex tiskapricca ‘l awtoritajiet Germanizi halli b’hekk jigi evitat li Iosif Galea ma jaghtix informazzjoni li jinghad li ghandu dwar persuni politikament esposti, u b’mod specjali dwar hasil ta’ flus u tixhim li jikkoncernaw ‘l istess nies.
Għaldaqstant l-organizazzjoni protestanta filwaqt li tagħmel referenza għall-provvedimenti tal-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273) u filwaqt li ġġib il-premess a formali konjizzjoni tal-protestati, waqt li tqieghedhom f’dolo, culpa et mora ghall-finijiet tal-ligi, issejjah lill-protestati biex:
- jistabilixxu Bord maħtur skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap.273) biex imexxi Inkjesta dwar l-imġieba tal-Korp tal-Pulizija u ta’ kwalunkwe uffiċjal pubbliku ieħor ikkonċernat f’dan il-każ, mingħajr restrizzjoni dwar aċċess għal kwalsiasi evidenza rilevanti għal dan l-iskop;
- jinkarigaw lil dan il-Bord bil-mansjoni sabiex jezamina kull dokumentazzjoni u korrispondenza u komunikazzjoni elettronika dwar il-mandati kollha t’arrest Ewropew fuq Iosif Galea li ghaddew, inter alia, mis-SIRENE Bureau tal-Korp tal-Pulizija, mill-FCID tal-Korp tal-Pulzija, mill-ufficju tad-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Dr Sandra Mamo, mill-ufficju tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, u mill-Ufficju tal-Avukat Generali;
- jaghtu zmien qasir u perentorju sabiex il-Bord itemm l-Inkjesta tieghu, li m’ghandux ikun iktar minn hmistax-il jum minn meta jkun appuntat ghal dan l-iskop;
- jintrabtu li jippubblikaw ir-rapport shih u komplut u mhux iccensurat tal-Inkjesta hekk imwaqqfa appena dan ikun lest, u mhux iktar tard minn erba’ u ghoxrin siegha minn meta jircievuh il-protestati u li dakinhar stess iqieghduh fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati.
Avv. Jason Azzopardi
Protestanta: 29, Pjazza tal-Knisja Imqabba
Protestati: Auberge de Castille, Valletta
201, Strait Street, Valletta
Notifika ulterjuri: Kummissarju tal-Pulizija, Kwartieri Generali tal-Pulizija, Floriana
Avukat Generali, South Street, Valletta







