Filwaqt li tissokta s-sejħa tagħna għal ġustizzja mingħajr aktar dewmien fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, it-tħassib tagħna llum hu aktar profond milli kien fis-16 ta’ Ottubru 2017, wara nofsinhar, meta konna lkoll maħsudin u rrabjati.

  • Jidhrilna li t-tmexxija politika tal-gvern u tal-partit fil-gvern qatt ma kkundannat l-azzjonijiet u l-fallimenti tal-gvern ta’ Joseph Muscat.
  • Il-pulizija ma ressqu lil ħadd quddiem il-ġustizzja b’rabta mal-investigazzjonijiet tagħhom fuq għexieren ta’ reati li fihom hemm implikati bosta membri għoljin tar-reġim ta’ Joseph Muscat b’evidenza li ilha s-snin fid-dominju pubbliku u li ma tistax tiġi injorata. Biex ma nsemmux il-kundanna u l-kastig, li għadhom ferm aktar ’il bogħod.
  • Jidhrilna li l-poter bla limitu u bla verifiki li għandu l-Prim Ministru fi ħdan il-qafas istituzzjonali tagħna għadu fil-prattika mhux mittiefes u mhux ikkontrollat.
  • Jidhrilna li l-persuni fit-tmexxija politika għadhom lesti jisfruttaw l-awtorità tagħhom għall-interessi personali tagħhom daqs kemm kienu qabel.
  • Jidhrilna li l-Korp tal-Pulizija għadu mhuwiex attrezzat biżżejjed u qed jonqos kontinwament milli jagħti xi forma ta’ fiduċja li għandu r-rieda, l-abbiltà jew ftit mit-tnejn, li jiżgura li l-liġi tikkmanda.
  • Jidhrilna li s-servizz tal-prosekuzzjoni għad m’għandux riżorsi biżżejjed u għadu ferm ’il bogħod milli jagħti opportunitajiet ugwali liċ-ċittadini onesti fil-konfront ta’ awturi potenti tal-kriminalità.
  • Jidhrilna li l-parlament hu maħkum għalkollox mill-gvern, u ma jistax jew ma jridx jissorvelja jew jiġbed l-attenzjoni b’rabta ma’ fallimenti amministrattivi jew għemil ħażin, jew iressaq riformi leġiżlattivi li jindirizzaw id-dgħjufijiet tant evidenti.
  • Jidhrilna li l-integrità tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi ttappnet f’għajnejn il-komunità, ittebbgħet għalkollox bl-imġiba ħażina u l-impunità li jgawdu dawk fosthom li huma korrotti jew li ma jridux jeħduha qatta’ bla ħabel kontra l-korrotti, u dan kollu qed joħloq sfiduċja inkwetanti fil-proċess demokratiku.
  • Jidhrilna li l-ħatriet fil-ġudikatura fl-aħħar tmien snin poġġew f’dubju serju l-indipendenza tal-ġudikatura mill-kontroll u l-influwenza tal-gvern.
  • Jidhrilna li x-xenarju tax-xandir televiżiv mhuwiex miftuħ għall-pluraliżmu, u minflok huwa ristrett għal kakofonija ta’ messaġġi politiċi qarrieqa li l-partiti politiċi jużaw mingħajr skruplu biex jattakkaw ħsibijiet kritiċi u indipendenti.
  • Għalhekk, imbagħad ma nissorprendux ruħna li nsibu ċittadini xettiċi u bla ħeġġa, meqruda bi dwelli partiġġjani bla heda u bla eżitu, li jippreferu jemmnu li l-mafja ma teżistix, u b’hekk jippermettulha tkompli tifrex is-swaba’ inviżibbli iżda sodi tagħha fl-istrutturi formali u informali tal-poter ta’ pajjiżna.

Aħna se nibqgħu sodi fit-twemmin tagħna li rridu nibqgħu nittamaw f’bidla sinifikanti. Irridu nittamaw li d-determinazzjoni eżemplari u altruwista ta’ Daphne Caruana Galizia, li kif jidher ċar intirtet ukoll mill-familja tagħha, tkun l-ixprun biex nibqgħu nemmnu li pajjiżna jista’ joħroġ minn din is-sħaba sewda.

Irridu nittamaw li l-isforzi ta’ din l-Inkjesta li tistaqsi l-mistoqsijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj, u l-konklużjonijiet li se jitfasslu, ikollhom l-impatt katartiku u trasformattiv li kellu jkollhom il-ħajja, il-ħidma u l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia.