F’Marzu 2020, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (l-NAO) sab li l-proċess tat-trasferiment tal-art fejn kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Pembroke lill-Grupp DB kien miżgħud nuqqasijiet. L-NAO jirrapporta10 li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għat-Turiżmu taw verżjonijiet kunfliġġenti rigward id-deċiżjoni tal-għoti tal-art u xeħtu r-responsabbiltà fuq xulxin (7.3.1). L-Uffiċċju esprima d-dubju tiegħu li dan il-proċess mexa skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (7.3.6) u elenka għadd ta’ nuqqasijiet serji.
Madankollu, il-Parlament lanqas biss iddiskuta dawn is-sejbiet, aħseb u ara li pprova jindirizzahom. Ta’ min jinnota li Silvio Debono, sid il-Grupp DB li lilhom ġiet trasferita din l-art, fetaħ 19-il kawża ta’ libell kontra Daphne Caruana Galizia talli kixfet dettalji dwar dan il-ftehim u talli kkritikatu. Dan, minkejja l-fehma wiesgħa tal-industrija tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni li l-prezz għat-trasferiment tal-art kien ġeneruż tant li ma seta’ jiġi spjegat bl-ebda loġika kummerċjali leġittima.