F’dan il-kuntest, il-kostituzzjoni sottostanti u mhux miktuba tal-istrutturi tal-poter tagħna għadha mhix regolata u għadha vulnerabbli fundamentalment għall-korruzzjoni. Parti żgħira biss mid-dħul tal-partiti politiċi jfondiha l-Istat. Il-maġġorparti tar-riżorsi tagħhom jiksbuhom b’finanzjament mingħand il-privat. Il-finanzjament privat tal-partiti politiċi jirrifletti l-espressjoni ħielsa, iżda r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza huma dgħajfa u għalhekk il-partiti jkollhom jidħlu f’relazzjonijiet dipendenti mal-kontributuri tagħhom.
Karatteristika lokali partikolari tal-flus li n-negozji l-kbar jagħtu lill-partiti politiċi hija li l-intenzjoni rari tkun l-ideoloġija politika jew is-sostenn għal xi forma ta’ programm politiku. In-negozji l-kbar jgħidu li huma jagħtu donazzjonijiet “ugwali” liż-żewġ partiti politiċi u għalhekk il-pagamenti tagħhom aktar qishom xi taxxa informali jew xi flus għal protezzjoni milli l-espressjoni ħielsa ta’ opinjoni politika.
Sandro Chetcuti, il-Kap tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi xehed quddiem din l-Inkjesta li lill-partiti jagħtihom “l-istess ammont ta’ donazzjoni,”25 filwaqt li Nazzareno Vassallo, wieħed mill-kuntratturi ewlenin f’Malta, iddikjara li “fl-aħħar 40 sena, iż-żewġ partiti talbuni donazzjonijiet u jien għenthom bl-istess mod.”26 F’dan ix-xenarju, dawn id-“donazzjonijiet” ma jistgħux ma jitqisux bħala investimenti jew selfiet li jridu jitħallsu lura bi mgħax konsiderevoli, naturalment minn but il-poplu.
Dan hu l-każ ukoll fejn jidħlu r-relazzjonijiet personali ta’ kandidati individwali għal karigi pubbliċi u l-finanzjaturi privati tagħhom. Il-kandidati parlamentari m’għandhom l-ebda finanzjament pubbliku u jiddependu fuq il-ġid tagħhom jew fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ donaturi f’sistema xejn trasparenti, ftit li xejn regolata, u li mhi sorveljata bl-ebda mod minn aġenzija indipendenti.
Il-korruzzjoni rnexxilha tifrex l-għeruq fis-sisien tas-sistema demokratika tagħna, u biex issir riforma fundamentali, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (il-Parlamentari) jeħtieġ jeżaminaw mill-ġdid l-eżistenza proprja tas-sistema li tathom il-poter politiku.